christmaspage

 

 

  
GULBIENA TAL-MILIED

Meta jien tajt bidu għal ħajti,
Hekk kif l-ilma madwari ħassejt,
Kont ħerqana biex nara x-xemx t’Alla,
Għalhekk dlonk ‘il fuq rasi għollejt.

Miegħi kelli minn ħuti bil-bosta,
Ħdejn xulxin iffullati flimkien,
Mimdudin fuq friex abjad tal-qoton,
Nistennew b’herqa kbira l-qawmien.

Iżda x-xemx li tant xtaqt qatt ma rajtha,
Għalkemm twalt, iġebbidt, iltewejt,
Bdejt nisfar, anzi nsir lewn il-fidda,
Fl-istess waqt sew ma’ huti trassejt.

Bħal kont naf, għaliex qalbi ħebritni,
Li din ħajti ma tantx kellha jiem.
Madankollu bqajt nikber, nisforza,
Forsi fl-aħħar nispiċċa bis-sliem.

Ħin bla waqt insib ruħi meħuda,
Jien u ħuti flimkien imqabbdin,
gewwa dar, dar sabiħa u kbira,
Kollha riħa ta’ ward, ġiżimin.

ġejna mqiegħda fuq mejda lewn abjad,
Ta’ l-irħam, tixraq biss lil Sultan,
Ftit fil-għoli jien rajt ġo maxtura,
Tfajjel ċkejken, simpatku, daħkan.

U x’kien hemm f’dan il-bini tal-għaġeb!
Kemm teżori prezzjużi hemm rajt!
Kemm xmux żgħar kollha jiddu madwari,
W bellus aħmar imdendel mal-hajt.

Irranġawna sakemm tawna sura,
Ta’ sħab fidda, bid-deheb imtektin,
Eżatt f’nofsna ‘l-Bambin imbagħad qiegħdu,
B’siequ msallba, b’idejh miftuħin.

F’din il-hajja qattajna ftit ġranet,
zmien li fih ma ngħidx kemm ħadt pjaċir,
Rajt bnedmin ġejja w sejra ferħana,
Sa rajt ‘l-Anġli ħelwin t’Alla l-kbir.

U xi ħlewwa ta’ kant smajt madwari!
Kant li ħsibtu kien ġej mis-smewwiet,
Glorja ‘l Alla fil-firxa tas-sema,
Għaliex twieled ir-Re tar-rejiet.

Kien hemm riħa li daħlet ġo ruħna,
Riħa ħelwa li ġiet minn duħħan,
Duħħan abjad magħmul għal tapposta
Biex ġieh jagħtu lil Kristu Sultan.

Sebaħ jum li dil-hajja ntemmet,
‘L dak it-tfajjel ħaduh u qafluh,
ġewwa n-niċċa magħmula apposta,
Sabiex hemm qima jibqgħu jagħtuh.

Imbagħad lilna, jaħasra, qabduna
U waddbuna f’barmil tal-iskart,
Wara ftit sibna ruħna ġo miżbla,
Qegħdin ninxfu, mitluqa ma’ l-art.

Waqt li kont qed immut hemm mirfusa
Ħsiebi ngħaqad għal ftit mal-Mulej
Għidtlu,”Grazzi, Sinjur, li nqdejt bija,
Għalkemm jiena ma niswa għal xej’”

Victor Rizzo Mahone

 

 

 

 

 

 

 

 

Make a free website with Yola