christmaspage

 

MALTA

It-tradizzjoni principali li taghmel il-Milied Malti hija n-numru kbir ta' presepji fid-djar privati kif ukoll f'postijiet pubblici ghall-wiri. Ta' min jghid li l-ewwel presepju li nafu bih hu dak li qieghed fil-monsateru tas-sorijiet Benedittini gewwa l-Imdina li jgib id-data tas-sena 1826 fuq il-bazi tieghu. Il-karattri principali tal-presepju huma Guzeppi, Marija, u Gesu' tarbija flimkien ma' baqra, hmara u ftit nghag. Il-pasturi lokali kienu maghmula mit-tafal u fejn l-ispazju tal-presepju kien jippermetti, kienu jizdiedu ir-rghajja jharsu il-merhliet taghhom, l-ghannej, il-mara ggor xkora tqieq fuq rasha etc. L-aktar li kien jigbed l-attenzjoni pero' kien ix-xabbatur, li kien r-ragel jixxabbat fuq zaqqu mill-gholi tal-grotta biex jara lil Gesu' tarbija. Dawn il-pasturi kienu jsejhulhom tas-sold. Il-lum dawn gew sostitwiti minn ohrajn tal-plastik. Din it-tradizzjoni tal-presepji bdiet fil-knejjes u fid-djar fit-13 il-seklu mill-patrijiet frangiskani. Tradizzjoni ohra hija dik tas-sigra tal-Milied u kartolini li waslet ghandna fid-dsatax- il seklu mill-Germanja.

F'kull belt u rahal tinzamm purcissjoni bil-bambin Gesu' akkumpanjat mit-tfal u xi banda zghira jew xi zewg strumenti tad-daqq. Ghanjiet tal-Milied jitkantaw mit-tfal matul it-triq tal-purcissjoni. Din it-tradizzjoni kien bdiha l-Qaddis San Ġorġ Preca, il-fundatur tal-MUSEUM fl-1921 fil-Ħamrun u matul is-snin infirxet madwar Malta u Għawdex. Waqt waħda mil-laqgħat li l-Beatu Dun Ġorġ Preca kellu mal-membri tal-MUSEUM hu kien wera x-xewqa li Lejlet il-Milied tibda ssir manifestazzjoni b'Ġesu' Tarbija fl-irħula u fl-ibliet kollha ta' pajjiżna. Dun Ġorġ xtaq li din ma tkun purċissjoni formali iżda manifestazzjoni ta' fidi u ta' ferħ li fiha jipparteċipaw in-nies fi spirtu veru tal-Milied. Kien propju ma nżul ix-xemx ta' Lejlet il-Milied tal-1921 li Triq Fra Diegu fil-Ħamrun kienet mimlija bi tfal u adulti lesti biex jipparteċipaw f'din l-ewwel purċissjoni bil-Bambin. Huma ġarrew magħhom xemgħat u lanterni minħabba li dak iż-żmien it-toroq ta' pajjiżna kienu mudlama u tkantaw innijiet tal-Milied. B'hekk bdiet it-tradizzjoni tal-purċissjoni ta' Lejlet il-Milied bil-Bambin Ġesu'.

Filghaxija, tard bil-lejl ta' lejliet il-Milied, hafna nies jingabru fil-knejjes ta' l-irhula u ibliet biex wara li jisimghu l-kant, jisimghu wkoll il-priedka tal-Milied minn tifel. Meta jkun qorob nofs il-lejl tohrog il-quddiesa biex il-poplu nisrani jilqa' lil Kristu Feddej tarbija bic-celebrazzjoni mqaddsa.

It-tradizzjoni tal-priedka tal-Milied taf il-bidu tagħha fl-1883, bl-ewwel priedka tat-tifel issir f'Ħal-Luqa minn George Sapiano - liebes il-libsa ta' abbati u jwassal il-messaġġ ta' ferħ, tama u paċi lil dawk kollha preżenti.

Fil-Milied hafna ikunu l-familji li jinghaqdu flimkien biex jieklu l-ikla tal-festa. Fi zmienijietna l-ikla tikkonsisti normalment fid-dundjan u il-pudina, ghaliex l-presenza tal-militar ingliz fuq il-gzira halliet dan l-impatt, izda mhux hekk kien fl-antik. Is-serduq flimkien ma' timpana, li hija makkaroni l-forn miksi bl-ghagina kienu jittieklu minflok.

Il-helu li kien jittiekel matul il-festi tal-Milied kien il-qaghaq ta' l-ghasel. Tradizzjoni antika hafna u li ghadha hajja sal-lum hija dik tal-gulbiena. Jinzerghu qamh, gulbiena u skalora fi ftit hamrija f'recipjienti baxxi xi erba gimghat qabel il-Milied u jithallew jikbru fid-dlam. Dawn jikbru bojod daqs is-silg biex jitpoggew qrib il-Bambin Gesu'.

Tradizzjoni ohra, izda li fortunatament intilfet hija dik tad-daqq taz-zaqq li kienu jikkarraterizaw il-muzika tar-rghajja li kienu jirghaw il-merhliet taghhom mal-lejl.


XAGHRA GHAWDEX

Ghalkemm ma hiex xi tradizzjoni antika - ilha tigi organizata mis-sena 2000- iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti li jiffurmaw il-grupp "The Guiding Light" fi ħdan iċ-Ċentru ta' Ġesu' Nazzarenu fix-Xagħra Għawdex, jorganizzaw "Il-Presepju Ħaj", kif inhu magħruf f'Għawdex.

Dan il-grupp ġie mwaqqaf sitt snin ilu wara li għadd numeruz ta' żgħażagħ kellhom esperjenza f'Ruma fejn iċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ tas-sena 2000, is-sena tal-Ġublew, flimkien mal-Papa Ġwanni Pawlu II. Wara din l-esperjenza tassew spiritwalment qawwija u li ħalliet il-marka tagħha fuq dawn iż-żgħażagħ, il-grupp ifforma ruħu formalment u beda jaħdem flimkien mal-katekisti fil-formazzjoni reliġjuża taż-żgħażagħ u l-adoloxxenti fil-komunita' tan-Nazzarenu.

F'Awissu tal-2005 il-grupp irnexxielu jattendi għat-tieni darba l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, flimkien mal-Papa Benedittu XVI. Id-determinazzjoni ta' dawn iż-żgħażagħ tinsab fil-konvinzjoni li dak li qed jagħmlu se jservi ta' ġid għalihom, għall-komunita' tagħhom, kif ukoll ghal dawk kollha li għandhom għal qalbhom ir-reliġjon nisranija.

L-esperjenzi li akkumula dan il-grupp tul dawn l-aħħar snin għenuh jifforma ruħu kemm spiritwalment kif ukoll soċjalment. L-organizzazzjoni tal-presepju ħaj tixhed dan kollu. Din is-sena (2006) il-grupp qed itella' dan il-presepju fl-isfond taċ-ċelebrazzjonijiet tal-75 sena tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja ta' Ġesu' Nazzarenu. Il-motto tal-grupp "The Guiding Light" ikompli jispira liż-żgħażagħ biex dak id-dawl li idda f'Betlem ikompli jiddi f'qalbhom u f'qalb l-oħrajn.

L-għan tal-grupp u ta' dan il-presepju mhuwiex biss li jfakkru dak li ġara elfejn sena ilu, iżda li jwasslu messaġġ pożittiv ta' x'inhu l-veru sens tal-Milied. Dan il-messaġġ żgur japplika għall-ħajja li qed ngħixu fiha llum li hi kkaratterizzata minn dinja ta' materjaliżmu u konsumeriżmu sfrenat. Il-presepju se jkun imqassam fi tmien sezzjonijiet li bejniethom jieħdu ħmistax-il minuta. Se tkun attrazzjoni unika fejn wieħed għandu jsib madwar 25 persuna bibblika mdawrin minn ambjent tipikament Lhudi li fih wieħed għandu jara diversi ħlejjaq naturali.

Gewwa x-Xaghra, f'Ghawdex, fil-pjazza ewlenija wiehed isib xelter li minn post ta' kenn mill-balal ta' l-għadu, inbidel f'post kulturali u artistiku. Kien proprju fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira ta' din is-sena, meta l-parroċċa ta' Marija Bambina ħadet ħsieb li, bil-għajnuna tal-Kunsill Lokali, dan ix-xelter jinfetaħ, jitnaddaf u jsirulu entraturi xierqa, biex ikun jista' jservi ta' attrazzjoni għal dawk kollha li jiġu jżuru dan ir-raħal fil-granet mqaddsa ta' l-Għid.

Dan il-ħsieb intgħoġob sew u l-poplu kkonkorra bi ħġaru. Għalhekk l-organizzaturi reġgħu ħasbu biex din id-darba jinfetaħ fiż-żmien tal-festi tal-Milied. Din id-darba fix-xelter ġiet imsawra l-ġrajja tal-Milied permezz ta' figuri life-size magħmula apposta għal din il-wirja. Il-ħsieb prinċipali ta' din il-wirja huwa meħud mill-kliem ta' Ġesu lil Nikodemu "Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta' dejjem".

Il-ġrajja tal-Milied bdiet disa' xhur qabel meta l-Anġlu Gabrijel ħabbar lil Marija li ser tkun Omm il-Messija. Din hi l-ewwel xena li naraw f'dan il-presepju artistiku. Il-ġrajja tkompli biż-żjara ta' Marija lil Eliżabetta u Żakkarija f'Għajn Karem. Il-presepju jkompli b'Ġużeppi u Marija jfittxu post f'Betlem. Ix-xena tat-twelid ta' Ġesu' fl-għar hija ċ-ċentru ta' dan il-presepju. Hemm naraw lil Marija u lil Ġużeppi jaduraw lit-Tarbija ġewwa l-faqar ta' l-għar qalb l-annimali u l-kesħa tal-lejl. Żgur li din ix-xena ser tibqa' f'moħħ dawk kollha li jiġu jżuru din il-wirja unika fil-gżejjer Maltin. Barra dawn ix-xeni insibu l-adorazzjoni tal-Maġi u l-qtil ta' l-innoċenti martri.

Biex saret din il-wirja kienu involuti għadd kbir ta' persuni. Kulma wieħed jista' jara kollu sar apposta minn nies voluntiera. Il-pasturi li huma life size saru kollha minn diversi żgħażagħ tal-parroċċa u anke l-ħjata tal-vestwarju saret apposta għal dawn il-pasturi. Ma jonqsux l-effetti tad-dawl u n-narrazzjoni bil-muzika, li flimkien jagħtu dehra unika lil dan ix-xelter mibdul għal ftit ġranet fi presepju. L-atmosfera tal-blat imqatta' taħt l-art u l-kuriduri dojoq u twal ikomplu jdaħħlu lil dak li jkun fl-atmosfera. Qalb dak il-blat, il-ħsejjes tal-karozzi ma jinstemgħux u r-raġġi tax-xemx ma jidħlux, għalhekk tistħajlek li qiegħed f'dak l-għar ta' Betlem f'nofs lejl xitwi, tisma' t-twerżieq tat-Tarbija Ġesu' u tara f'liema faqar kellu jitwieled il-Messija.

Dan il-presepju jagħlaq b'messaġġ li Ġesu' huwa d-dawl tad-dinja, u li l-Milied ma huwa xejn ħlief it-tifkira tat-twelid ta' Dak li ġie jifdina
.

SAN LAWRENZ GHAWDEX

Ta' kull sena fl-lejliet il-Milied, grupp ta' volontiera mwaqqaf fis-sena 1969 fuq inizjattiva tas-Sur Gorg Borg fir-raħal ta' San Lawrenz, jorganizza pageant spettakulari li fiha għal-sagħtejn il-bibbja tieħu l-ħajja. Kważi nofs il-popolazzjoni ta' din il-kommunita' żgħira tieħu sehem f'dan il-Pagaent tal-Milied. Il-pagaent jippreżenta xeni u kostumi bibbliċi minn żmien il-Profeti sal-Miġja tat-Tliet Slaten Maġi. Qaddisin, Rejiet, Suldati u personaġġi mit-Testment l-Qadim u l-Ġdid jimxu minn ġot-toroq prinċipali tar-raħal akkumpanjati minn żewġ orkestrini jdoqqu strumenti tradizzjonali. Il-pagaent jintemm bil-karattri ewlenin jifformaw presepju ħaj waqt li tifel żgħir jagħmel il-priedka tal-Milied.

Dan il-pagaent għandu tradizzjoni twila. Fis-snin ta' dritt wara it-tieni Gwerra Dinjija, il-kappillan Dun Gorg Debrincat irnexxielu jtellgħa dramm ‘musical' tal-Milied. Il-parteċipanti kienu kollha irġiel ħlief għal ftit bniet taħt it-tnax il sena li kellhom parti żgħira. Kien hemm ħafna sfidi x'jintrebħu. Riedu jinħietu l-ħwejjeg, kellhom jinżebgħu x-xeni u ħafna affarijiet oħra, u kollox fi żmien diffiċli ħafna. Pero l-isforżi kienu ppremjati għaliex n-nies attendew bi ħġarhom. Fil-ġurnal ‘Għawdex' naqraw li d-dramm ‘It-Twelid ta' Gesu Bambin' kien suċċess u għalih attendew 3000 ruħ.

Madankollu, l-ewwel pageant propju ġie mtellgħa fl-1969. Gorg Borg skopra li l-kostumi ta' dawk il-produzzjonijiet kienu għadhom tajbin. Tnax il-ġurnata qabel Lejliet il-Milied huwa ħabbar li dawk il-kostumi se jerġgħu jintużaw għal pageant. F'dan l-ewwel pageant ħadu sehem erbgħin ruħ. Iżjed ma għadda ż-żmien, iżjed nies bdew jiparteċċipaw u llum jieħdu sehem ‘l fuq minn mija u ħamsin ruħ f'dan il-pagaent.


GHARGHUR MALTA

Fil-Gharghur f'wahda mill-granet tan-novena tal-Milied, issir il-mixja tradizzjonali tal-Milied lejn Ghar San Brinkat li jinsab qalb il-kampanja sabiħa tal-Għargħur. Dan isir bil-hidma tal-Kunsill Lokali tal-post. Il-partecipanti kollha armati bil-fanali jimxu mill-pjazza tar-rahal sa l-ghar ikantaw innijiet tal-Milied.

Make a free website with Yola